Biex jiġi żgurat li r-reġistrazzjoni tal-proprjetà intellettwali (PI) tkun tinkludi l-benefiċċji mistennija għan-negozju tiegħek, ta’ min jikkunsidra xi passi preliminari qabel ma jinbeda l-proċess tal-applikazzjoni.
Fl-istess ħin, ir-reġistrazzjoni tal-PI tista’ tkun proċess kumpless b’diversi rekwiżiti li għandhom jiġu segwiti. Għalhekk, ħafna drabi tkun deċiżjoni għaqlija li wieħed ifittex parir mingħand espert fil-PI.
Dawn li ġejjin huma l-kwistjonijiet prinċipali li għandek tikkunsidra:
Identifika l-assi tal-PI tiegħek: iddetermina liema mill-assi intanġibbli tiegħek jistgħu jiġu protetti mid-drittijiet tal-PI. (ara: X’inhi l-PI?) u vverifika liema jkun jeħtieġ reġistrazzjoni mal-uffiċċju tal-PI rilevanti, bħal trademarks, disinji jew privattivi.
Stabbilixxi strateġija tal-PI: ikkunsidra s-suq tiegħek, il-kompetituri potenzjali, l-istadju attwali tan-negozju tiegħek, l-objettivi tiegħek, u l-pjanijiet tiegħek għall-espansjoni ġeografika. Jekk għandek diversi assi tal-PI, jista’ jkollok bżonn tipprijoritizzahom abbażi tal-fatturi msemmija qabel u r-rekwiżiti speċifiċi ta’ drittijiet differenti tal-PI, bħar-rekwiżit ta’ novità għad-disinji u l-privattivi (ara: Ħolqien tal-istrateġija tal-PI).
Iddeċiedi fejn tapplika: skont l-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tal-kumpanija tiegħek u l-istrateġija tan-negozju tiegħek, tista’ tiddeċiedi li tirreġistra l-PI tiegħek f’pajjiżi speċifiċi (fl-UE jew barra minnha), jew, pereżempju, fit-territorju kollu tal-UE.
Wettaq tfittxija preliminari bl-użu ta’ bażijiet tad-data tal-PI: agħmel użu minn bażijiet tad-data disponibbli pubblikament biex jiġi żgurat li l-PI li tixtieq tipproteġi ma tkunx diġà ġiet irreġistrata. Jaf tkun trid tivverifika wkoll jekk jeżistux drittijiet tal-PI simili. Meta tagħmel dan, tista’ tevita li l-applikazzjoni tiegħek tiġi kkontestata matul il-proċess, jew anke wara r-reġistrazzjoni. Hawn taħt se ssib links għal xi wħud mill-bażijiet tad-data disponibbli pubblikament li fihom informazzjoni dwar id-drittijiet tal-PI rreġistrati fl-UE jew anki mad-dinja kollha:
It-trademarks: TMview
Disinji: DesignView
Privattivi: Espacenet
Varjetajiet tal-pjanti: Bażi tad-data tal-UE ta’ varjetajiet tal-pjanti rreġistrati (fittex fir-reġistru tas-CPVO)
Indikazzjonijiet ġeografiċi: GIview
EURid għall-ismijiet tad-dominju ‘.eu’
Ivverifika l-eliġibbiltà għar-reġistrazzjoni: qabel ma tippreżenta applikazzjoni, żgura li r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni jiġu ssodisfati. Żomm f’moħħok li xi proċeduri ta’ reġistrazzjoni jeħtieġu tariffa. Ikkonsulta s-sit web tal-uffiċċju tal-PI kompetenti fejn trid tirreġistra għar-rekwiżiti applikabbli, kif ukoll it-tariffi tar-reġistrazzjoni attwali.
Żomm il-kunfidenzjalità: għal xi drittijiet tal-PI, bħal privattivi u disinji, divulgazzjoni li ssir qabel il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni tista’ timmina s-suċċess tagħha minħabba r-rekwiżit ta’ novità (soġġett għal eċċezzjonijiet limitati stabbiliti mil-liġijiet rilevanti). F’każ ta’ drittijiet oħra tal-PI fejn divulgazzjoni preċedenti ma taffettwax ir-reġistrazzjoni, iż-żamma tal-kunfidenzjalità tista’ tipprevjeni lill-kompetituri tiegħek milli jantiċipaw l-applikazzjoni tiegħek (ara: Kunfidenzjalità tal-PI).
Il-passi ta’ hawn fuq joffru ħarsa ġenerali. Drittijiet differenti tal-PI jistgħu jeħtieġu azzjoni ulterjuri. Fil-każ ta’ trademarks, pereżempju, se jkollok bżonn tidentifika l-oġġetti u s-servizzi li t-trademark tiegħek se tkopri. Għal aktar dettalji, ikkonsulta s-sit web tal-uffiċċju tal-PI kompetenti fejn trid tirreġistra d-dritt tal-PI inkwistjoni.
Ħu ħsieb il-futur tan-negozju tiegħek – ipproteġi n-negozju tiegħek billi tirreġistra l-proprjetà intellettwali tiegħek issa!